"din iċ-ċappetta għandha bżonn naqa żejt", ħaseb miegħu nnifsu Joe, hu u jiftaħ il-bieb ta' dik il-gallarija ta' lewn kafelatte, biż-żeba kważi kompletament imqaxxra. Ħsieb rikorrenti li ghadu qatt ma wassal ghal azzjoni. Iż-żmien dejjem iħalli t-timbru u Joe żgur ma kellux is-saħħa sabiex ikun l-eċċezzjoni għar-regola tax-xjuħija. Tnejn u tmenin sena ma jinħassux biss fl-għadam, imma wkoll fil-moħħ...speċjalment moħħ ta anzjan li għejja jgħix.
Il-ġrajjiet li wasslu għal din l-apatija kienu bosta fil-ħajja ta' Joe...id-dwejjaq kostanti għerqulu qalbu sakemm kull qatra ta' ferħ li qatt immaterjalizzat fil-ħajja tiegħu, telghet fil-wiċċ u nixfet bħal biċċa ta' l-art ġox-xemx qalila ta' Awwissu. Il-mewta ta' Ġefri, l-amorin fidil ta' tmien snin, kompliet timbutta l-ġewwa dak il-musmar fil-qabar mentali tal-ħabib taghna, imwieled Giuseppe - isem frott ta' l-influwenza Taljana fi xtutna, meqruda kważi totalment mil-forzi imperjali. Pero' dik hija storja apparti...forsi storja ghal darb'oħra.
Ix-xjuħ jaghtu importanza lir-rutina, u r-rutina normalment tagħti bidu għal drawwa - fost il-ħafna li kellu Joe, kien hemm dik li joħroġ fil-gallarija ta' lewn kafelatte sabiex jilmaħ ix-xemx tinħeba l-ewwel fost is-siġar ta' l-gholja, imbghad ġol-bejt ta' Ġanni tal-bazaar.
Ħasra li drawwa ddum ma tmut ghax din il-persistenza twassal kważi dejjem għal sofferenza - bħal meta toħroġ fil-gallarija u tintebaħ għal-elf darba illi Ġanni miet, u miegħu mietet id-dar bl-istejjer kolla li nġemgħu matul is-sekli, sabiex taw ħajja lil dak il-blokk, orrend, ta' fletsijiet.
Blokk ta' fletsijiet, fost il-mijjiet, li qerdu l-wied u qatlu lil dik l-istess xemx Maltija li fl-imgħoddi kienet tnixxeff il-biċċiet ta' l-art fuq il-bejt ta' Joe, waqt dawk il-ġranet sajfin ta' Awissu. Il-qtar tal-ferħ, tfittxu tista', pero' li ssibu huwa mpossibli f'dinja mibnijja minn karti ta' l-ewro u fuq il-gwaddan personali ta' l-impreditur, modern, Malti.
"din iċ-ċappetta għandha bżonn ta' naqa żejt", ħaseb miegħu nnifsu Joe, hu u jagħlaq il-bieb ta' dik il-gallarija ta' lewn kafelatte biż-żeba kważi kompletament imqaxxra.
No comments:
Post a Comment
Feel free to comment...I appreciate people's desire to share. Thanks.